Wens

Żjarat lill-Persuni li Jgħixu Waħedhom

Is-solitudni hi problema li kulma jmur dejjem qed tikber f’pajjiżna. Għalkemm din il-problema tista’ tolqot lil kulħadd irrispettivament minn sess u età, hu fatt magħruf li l-aktar li huma milquta jkunu nies anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunità.

Il-parroċċa tagħna għandha parti mdaqqsa minn nies anzjani li jgħixu weħidhom u li jkollhom bżonn li kultant imur iżurhom xi ħadd biex ikollhom ma’ min jgħidu kelma u jiftħu qalbhom.

Is-Servizz tal-Voluntiera

Għal grazzja t’Alla, fil-parroċċa tagħna diġà bdejna noffru dan is-servizz permezz ta’ numru ta’ voluntiera li, wara li ngħataw taħriġ apposta mill-Aġenzija Appoġġ, bdew iżuru lil dawn in-nies li jgħixu fis-solitudni.

Din l-inizjattiva ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-parruċċani, tant li żdied in-numru ta’ dawk li urew ix-xewqa li jibdew jirċievu dawn iż-żjarat, filwaqt li oħrajn jixtiequ li dawn ikunu aktar frekwenti.

Sejħa għal Aktar Voluntiera

Il-parroċċa qed issejjaħ aktar voluntiera biex jattendu kors apposta fiċ-Ċentru Parrokkjali, immexxi minn uffiċjali tal-Aġenzija Appoġġ, sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jaqdu dan il-ministeru importanti.

Tixtieq Issir Voluntier?

Dawk li jixtiequ joffru ftit mill-ħin tagħhom lil ħutna li jgħixu weħidhom fis-solitudni huma mitluba javżaw lill-Kappillan għal aktar dettalji.